1958 - 1968
Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) twaqqaf lejn l-aħħar ta' l-1958. L-ewwel laqgħa tal-MŻPN, saret fis-7 ta' Novembru 1958, bl-istatut jiġi mressaq fit-28 ta' April 1960. Dan ġie approvat mill-Kungress tal-Partit Nazzjonalista, (PN), fil-21 ta' Novembru 1965. Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, Dr Mario Felice ġie maħtur l-ewwel President.
L-iskop tal-MŻPN żviluppa skond iċ-ċirkostanzi, għalhekk wara l-elezzjoni ta' l-1962, l-MŻPN kien minn ta' quddiem, flimkien mal-PN, fil-ħidma għall-kisba ta' l-Indipendenza ta' Malta.
(Fir-ritratt jidhru uħud mill-ewwel membri tal-MŻPN mal-Kap tal-PN, Dr Giorgio Borg Olivier)
1967 - 1976 L-MŻPN ġibed lejh ħafna żgħażagħ li flimkien emmnu u ħadmu fil-PN. Matul iż-żmien l-MŻPN kiber fi ħdan il-PN fejn dejjem żamm postu fid-diskussjoni interna, għalkemm żamm bis-sħiħ l-awtonomija fit-tmexxija u l-politika tiegħu.
L-MŻPN sab postu fil-fora politiċi Ewropej għaż-żgħażagħ Demokristjani. Fil-fatt fil-bidu tas-snin sebgħin, l-MŻPN sar membru tal-Conservative and Christian Democrat Youth of Europe. Fuq kollox l-MŻPN kien wara l-PN wara t-telfa elettorali ta' l-1971. Dan kellu jkun il-bidu ta' snin ta' oppożizzjoni iżda wkoll snin ta' tiġdid fil-PN.
(Fir-ritratt jidhru Dr Josie Muscat (President 1968-1973) u Dr Giorgio Borg Olivier jindirizzaw laqgħa taż-Żghazagh Demokristjani Ewropej f'Malta, 1972)
1977 - 1981 Wara li l-PN reġa' tilef l-elezzjoni fl-1976, inħasset il-ħtieġa li ssir riforma kbira fil-Partit Nazzjonalista. L-MŻPN kien strumentali sabiex isiru emendi fl-istatut tal-PN bil-għan li l-istruttura ssir aktar flessibli u tirrifletti ż-żminijiet. Dan il-proċess wassal ukoll sabiex fl-1977 inħatar Dr Eddie Fenech Adami, bħala Kap tal-Partit.
Fl-istess ħin, wara l-elezzjonijiet ta' l-1976 meta bil-Partit Laburista fil-Gvern il-libertajiet fundamentali ta' l-individwi kienu mhedda, l-MŻPN kellu rwol fundamentali ta' mobilizazzjoni taż-żgħażagħ Maltin biex jiġu mħarsa l-prinċipji tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
(Fir-ritratt Dr Louis Galea President, 1973-1977, John Camilleri u Karmenu Schembri President, 1977-1979)
1981 - 1987
Fl-elezzjoni ta' l-1981, il-PN ġab il-maġġoranza tal-voti minkejja li kellu minoranza ta' siġġijiet fil-Parlament.
Kienu bosta dawk il-mumenti koroh għall-PN u għall-MŻPN. Il-libert kienet kontinwament mhedda. Saħansitra l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li f'każ partikulari kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tal-MŻPN. Fl-istess żmien, ġiet mgħoddija l-liġi dwar l-Indħil Barrani intiża sabiex il-PN ikun imxekkel milli jqajjem interess dwar is-sitwazzjoni f'Malta barra minn xtutna. Minħabba dan, il-mistiedna barranin ta' l-MŻPN bħal Massimo Gorla u Andrea de Guttry, spiċċaw arrestati għaliex ippruvaw jesprimu fehmithom dwar is-sitwazzjoni f'pajjiżna f'meetings Nazzjonalisti.
Madankollu dan ma żammx lill-MŻPN milli tkun minn ta' quddiem sabiex twassal tagħlim dwar il-ħsieb Demokristjan.
Sadanittant, l-MŻPN saret membru tad-Democrat Youth Community of Europe - DEMYC għaqda li tiġbor fiha organizazzjonijiet taż-żgħażagħ ta' partiti Ewropej taċ-Ċentru-Lemin. Dr Francis Zammit Dimech kien anke ġie elett bħala membru tal-Kumitat Eżekuttiv ta' din l-ghaqda.
(Fir-ritratt Dr Tonio Borg President, 1983-1984, Dr Francis Zammit Dimech President 1985-1986 u ÄŠensu Galea President, 1980-1982)
Raymond Caruana
Fil-waqt li t-theddida lid-demokrazija u l-abbuż mill-Gvern Soċjalista kienu affarijiet ta' kuljum, żgur li l-agħar episodju matul is-sittax-il sena ta' Gvern Soċjalista kien il-qtil ta' Raymond Caruana, membru tal-MŻPN li seħħ nhar il-5 ta' Diċembru 1986 fil-Gudja. Dak in-nhar, partitarji Soċjalisti sparaw tiri lejn il-każin tal-PN fil-Gudja li kien qed jitlesta sabiex jiġi inawgurat.
Dan seħħ wara li fit-30 ta' Novembru 1986, mijiet ta' partitarji Nazzjonalisti ġew imsawwta mill-Pulizija meta l-PN organizza Mass Meeting fiż-Żejtun.
(Ritratt: L-MŻPN tfakkar l-Ewwel Anniversarju mill-Qtil ta' Raymond Caruana b'dimostrazzjoni fil-Belt Valletta)
Bħal fl-Ewropa tal-Lvant Is-sitwazzjoni f'Malta wieħed jista' jgħid li ma kienetx tagħmel għajb lil dik tal-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant, magħqudin flimkien wara l-purtiera tal-ħadid.
It-triq sabiex Malta terġa' lura lejn l-Ewropa kienet tidher diffiċli ħafna biss il-PN kien determinat illi fl-elezzjoni ta' l-1987 ma jerġax jirrepeti dak li sehh fl-1981.
(Fir-ritratt: Dimostrazzjoni tal-MŻPN favur Barinov u kontra s-sitwazzjoni fil-pajjiżi ta' dak li kien il-Patt ta' Varsavja)
1987 - 1996
Wara li l-PN rebaħ l-Elezzjoni Ä enerali ta' l-1987, l-MÅ»PN beda jiffoka aktar fil-funzjoni proprja ta' fergħa taż-żgħażagħ ta' partit politiku modern u li jħares 'il quddiem. Issa kien spiċċa ż-żmien tal-mobilizazzjoni. Iż-żgħażagħ kisbu dak li kienu ħadmu għalih u bdietil-mixja lejnis-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Bil-ħidma tagħna nwasslu leħen iż-żgħażagħ fl-istrutturi kollha tal-PN għaliex nemmnu li permezz tal-politika jistgħu tabilħaqq jitwettqu t-tamiet.
L-MŻPN beda jorganizza numru ta' attivitajiet soċjali maħsuba sabiex iressqu aktar żgħażagħ lejn il-PN. Il-ħidma politika kompliet tiżdiet u l-preżenza taz-żgħażagħ fl-istrutturi u l-ħidma tal-PN kompliet tikber. Sa l-elezzjoni ta' l-1992, ħafna membri tal-MŻPN kienu strumentali fit-tmexxija ta' l-ELCOM - l-uffiċċju elettorali tal-PN.
L-MŻPN, issa msieħeb fil-European Young Christian Democrats - EYCD kompla jżid ir-rilevanza u l-impenn tiegħu fuq livell internazzjonali tant li George Pullicino ġie elett membru tal-Kumitat Eżekuttiv ta' din l-għaqda.
(Fir-ritratt: Dr Eddie Fenech Adami jindirizza Mass Rally tal-MŻPN qabel l-Elezzjoni ta' l-1987)
Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ L-MŻPN kien strumentali sabiex jitwaqqaf il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ f-1993. Din l-organizazzjoni tiġbor fi ħdanha għaqdiet nazzjonali taż-żgħażagħ u hi ntiża li sservi bħala l-forum bejn l-għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin u l-istat.
1996 - 2003
Wara l-1996, il-PN kien strumentali sabiex pajjiżna jsir membru ta' l-Unjoni Ewropea. Wara l-elezzjoni ta' l-1998, il-PN kellu, wara li joħroġ l-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija mill-"friża", jibda n-negozjati li wasslu għar-Referendum tat-8 ta' Marzu 2003. Dak in-nhar il-poplu Malti għażel li pajjiżna jsir Membru ta' l-Unjoni Ewropea, ħolma li l-Partit Nazzjonalista kellu sa mit-twaqqif tiegħu.
L-MŻPN fl-1997 saret membru fundatur tal-Youth of the European People's Party - YEPP, għaqda li nħolqot minflok id-DEMYC u l-EYCD. Fl-2003, John Bonello ġie maħtur Viċi President tal-YEPP. Wara s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Partit sar membru sħiħ tal-PPE.
Futur Għall-futur l-MŻPN irid ikompli jiżviluppa fi ħdan il-PN. Irridu nkomplu nippreparaw liż-żgħażagħ għall-politika, irridu nwasslu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ Maltin fil-qalba tal-politika.
Nimpenjaw rwieħna fil-poltika għaliex nemmnu li permezz tal-politika jitwettqu t-tamiet.
Presidenti tal-MŻPN Il-Presidenti tal-MŻPN sa mill-1958 kienu:
1958 - 1963 Mario Felice
1963 - 1967 Albert Borg Olivier de Puget
1967 - 1973 Josie Muscat
1973 - 1977 Dr Louis Galea
1977 - 1979 Karmenu Schembri
1980 - 1982 Censu Galea
1983 - 1986 Tonio Borg
1985 - 1986 Francis Zammit Dimech
1986 - 1988 Ray Zammit
1988 - 1990 Jean Pierre Farrugia
1990 - 1992 George Pullicino
1993 - 1995 Mario Muscat
1995 - 1997 Paul Borg Olivier
1997 - 1999 Sandro Rossi
1999 - 1999 Malcolm Custo
1999 - 2000 Stefan Camilleri
2000 - 2002 Antonio Depasquale
2002 - 2005 John Bonello
2005 - Mathieu Cilia