You are here: Home Prinċipji

logotext

Kalendarju ta' Attivitajiet

Last month September 2010 Next month
S M T W T F S
week 35 1 2 3 4
week 36 5 6 7 8 9 10 11
week 37 12 13 14 15 16 17 18
week 38 19 20 21 22 23 24 25
week 39 26 27 28 29 30
Prinċipji
Biex bil-politika jitwettqu t-tamiet

L-Abbozz Finali tal-Kumitat Ezekuttiv – Novembru 2006
Rivedut f’Mejju 2009
 

Il-Kumitat Eżekuttiv ta’ l-MŻPN sejjaħ Laqgha Ġenerali Straordinarja sabiex japprova dan id-dokument. Din il-laqgħa sarret nhar is-Sibt 4 ta’ Novembru, 2006, u dan ġie approvat unanimament. 

L-MŻPN jixtieq jirringrazja li dawk kollha li matul iż-żmien taw il-kontribut tagħhom fl-aġġornament ta’ dan id-dokument, u b’hekk huwa dokument aktar relevanti għaż-żminijiet tal-lum.

L-ewwel dokument li jigbor fih il-fehmiet bażiċi tal-Moviment Zgħazagħ Partit Nazzjonalista, ‘Prinċipji’ kien approvat mil-Laqgha Generali li saret fil-11 ta’ Dicembru 1994.

Ir-Raġuni ta’ l-impenn tagħna

Il-Bniedem: Għalina li għażilna li nħaddnu politika mibnija fuq il-prinċipji ta’ l-umaniżmu nisrani, l-impenn politiku jfisser impenn favur il-bniedem. Għalhekk aħna favur il-ħajja mill-mument tal-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha, kontra l-piena tal-mewt u nemmnu li kull persuna hi mogħnija b’dinjità.

Ġustizzja
: Irridu naraw illli l-ġustizzja tkun il-bażi ta’ kull deċizjoni li taffettwa l-persuna.  Partikoralment fir-relazzjonijiet tagħha ma’ l-Istat, kull persuna għandha tħoss li tista’ tafda fil-proċess tad-deċiżjoni ta’ l-Istat fil-konfront tagħha.

Liberta
: L-intervent ta’ l-Istat għandu jkun il-minimu possibbli. Kull persuna għandha titħalla libera fl-għażliet tagħha sakemm dawn ma jxekklux il-libertà ta’ ħaddieħor.
 
Solidarjetà: Filwaqt li kull bniedem għandu jitħalla fil-libertà tiegħu, ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ ’l barra mill-kurrent tas-soċjetà jew jitħalla jibqa’ lura.
 
Sussidjarjetà: Id-Deċizjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell l-aktar viċin prattikabbli ta’ min se jiġi affettwat minnhom.
 
Politika msejjsa fuq prinċipji
 

Il-politika għandha tkun motivata mill-prinċipji u m’għandiex tintilef fil-pragmatiżmu.

L-impenn politiku jixħet fuq kull min jagħżel li jidħol għaliħ għadd ta’ dmirijiet. Kull politiku għandu jfittex dejjem l-integrità, is-serjetà u għandu jkun dejjem dispost li jagħti kont ta’ għemilu.
 

Moviment b’ispirazzjoni Kristjana…

Għandu jagħraf jibda mill-problemi u mir-realtajiet konkreti biex ifassal proġett politiku għal soċjetà aktar ġusta u umana. Moviment ta’ żgħażagħ irid jagħraf iħares lejn il-futur u lejn is-sinjali taż-żminijiet sabiex jifhem x’inhuma l-problemi u l-opportunitajiet il-ġodda. B’hekk ikun jista’ jfassal proġett politiku ġdid.

 

Politika lajka b’ispirazzjoni Kristjana…

Bħala żgħażagħ Demokristjani nemmnu f’politika mfassla fuq il-ħsieb soċjali u fuq il-valuri li jikkaratterizzaw it-twemmin nisrani. Dan però mingħajr ma jnaqqas mil-lajċità tal-moviment politiku tagħna.

Nifhmu li l-Istat għandu r-responsabbiltà li jkun mezz ta’ servizz għall-ġid komuni, biex il-persuna tingħata d-dinjità li jixirqilha f’ambjent ta’ ekwità u biex ħadd ma jiġi mwarrab mis-soċjetà. L-Istat hu fid-dmir li jilleġiżla billi jieħu inkunsiderazzjoni l-ġid komuni lejn il-ġid komuni fil-kondizzjonijiet li tkun fihom is-soċjetà.

Nemmnu f’distinzjoni ċara bejn Stat u Reliġjon, għalkemm dawn għandhom jagħrfu l-mod kif jikkoperaw ma’ xulxin għall-ġid tas-soċjetà, mingħajr ma jindaħlu fl-oqsma ta’ xulxin. 

L-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista għandu jkun organizzazzjoni li fi ħdanha jiġu mrawwma l-prinċipji demokratiċi u valuri politiċi msaħħa minn dik l-ispirazzjoni Kristjana li tiggwidana fil-formazzjoni politika tagħna.


Solidarjetà
Nifhmu li l-progress ekonomiku u l-bidliet kulturali li jiġu magħhom, iridu jiġu magħġuna ma’ politika soċjali li tħares lill-familji u lill-persuni mill-periklu ta’ l-emarġinazzjoni, li tippromwovi opportunitajiet indaqs u li tiżgura trattament ekwu bejn iċ-ċittadini kollha.

Dan għandu jsir permezz ta’ interventi immirati lejn il-persuna. Biex dan iseħħ hemm bżonn li s-servizzi ta’ għajnuna soċjali jkunu iktar proattivi u mhux sempliċiment jirreaġixxu għall-problemi meta forsi jkun tard wisq. L-awtoritajiet, waqt li jkunu qegħdin jipprovdu servizzi ta’ assistenza, għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni bi bżonnijiet speċjali, biex tkun garantita l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà.

Is-servizzi soċjali għandhom ikunu sostenibbli u kull ċittadin għandu jagħraf ir-responsabbilitajiet tiegħu u ma jabbużax mis-servizzi offruti mill-Istat. Iċ-ċittadin għandu jiġi offrut servizzi personalizzati li jkunu mfassla wkoll fuq il-qafas tal-familja ta’ l-istess persuna.  Il-familja għandha tiġi meqjusa bħala l-bażi għall-għajnuna u s-servizzi soċjali għandhom jagħrfu dan il-valur.

Ma jkunx għaqli li wieħed jinsa l-valur tal-volontarjat f’dan il-qasam. Wara l-familja, il-volontarjat joffri l-espressjoni l-aktar diretta u ġenwina tas-solidarjetà. F’dan il-kuntest aħna tal-fehma li fil-familja u fl-iskola, iż-żgħażagħ għandhom jiġu megħjuna jagħrfu l-valur tal-volontarjat.  Jidhrilna li m’għandux ikun hemm ostakoli burokratiċi li jżommu lura ż-żgħażagħ milli jidħlu għall-impenn ta’ xogħol volontarju, kemm f’Malta kif ukoll f’pajjiżi oħra.  Dan għandu jkun integrat f’qafas leġislattiv sabiex b’hekk ikun hemm possibbilitajiet ġodda ta’ koordinament u qabża fil-kwalità.


Sussidjarjetà 
L-Istat u s-socjetà għandhom jeżistu għas-servizz tal-persuna u għall-ġid komuni tal-komunità li fiha tgħix l-istess persuna. Dawk id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu liberament u b’mod iżjed effiċjenti minn gruppi jew komunitajiet iżgħar m’għandhomx jittieħdu mill-Istat. Fejn jeżistu ċerti sitwazzjonijiet jew iridu jittieħdu deċiżjonijiet li, għal xi raġuni jew oħra, ma jistgħux jittieħdu minn gruppi jew komunitajiet iżgħar, dawn id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq livell ogħla tas-socjetà. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà m’għandux jeżisti biss mill-Istat l-isfel iżda għandu jiġi mħares ukoll fid-distribuzzjoni tal-poter mill-komunitajiet jew gruppi iżgħar lejn l-Istat.

L-Istat għandu r-responsabbiltà aħħarija li jidderieġi s-soċjetà u jagħtiha direzzjoni mingħajr ma jġib fix-xejn, iċekken jew jassorbi gruppi jew komunitajiet iżgħar. 

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà żviluppa b’tali mod li ġie kristalizzat f’żewġ interpretazzjoniet differenti, li madankollu jikkumplementaw lil xulxin sabiex jikkompletaw dan il-prinċipju tant importanti għat-twemmin demokristjan li huwa wkoll wieħed mis-sisien ta’ l-Unjoni Ewropea u tat-Trattati tagħha.
Dawn l-interpretazzjonijiet huma l-hekk imsejjħa vertical subsidiarity u horizontal subsidiarity.

Vertical Subsidiarity għandha titħares fid-distribuzzjoni tal-poteri bejn il-livelli differenti ta’ l-Istat u l-awtonomija ta’ kull wieħed minnhom. Aħna nemmnu li f’pajjiżna l-prinċipju ta’ vertical subsidiarity għandu jiġi mħares, fost oħrajn, fl-awtonomija li għandu jkollhom il-kunsilli lokali mill-Gvern Ċentrali. Għalhekk, il-Gvern Ċentrali għandu jassigura ruħu li ma joħnoqx il-vuċi u l-inizzjattiva tal-kunsilli lokali, li huma wkoll espressjoni tad-deċentralizzazzjoni tal-poter eżekuttiv.

Horizontal subsidiarity, min-naħa l-oħra, hija l-espressjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà fejn jidħlu r-responsabbiltajiet u l-libertajiet ta’ kull persuna li jesprimi ruħu u d-dritt ta’ kull wieħed minna li jiżviluppa bil-kapaċitajiet u bl-inizzjattiva tiegħu. Kull persuna għandha wkoll l-obbligu li terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha għall-ġid komuni u għall-iżvilupp tas-soċjetà.


Żgħażagħ fil-politika
Fost iż-żgħażagħ, anki s-sempliċi kelma “politika” tqanqal dubji u xettiċiżmu. Dawn huma sentimenti li jħossu żgħażagħ madwar id-dinja kollha. Fi ftit kliem bosta żgħażagħ huma diżillużi mill-politika u l-polarizazzjoni politika huwa fattur li jkabbar dan is-sentiment fost iż-żgħażagħ Maltin.

Il-politika għandha tħeġġeġ sentimenti li jkunu l-oppost ta’ dan għaliex fiha nfisha l-politika tnissel ħeġġa u ġġib it-tiġdid. Il-kontribut taż-żgħażagħ huwa essenzjali sabiex dan iseħħ. Dan għaliex iż-żgħażagħ għandhom l-enerġija, l-ideat u l-kwalitajiet sabiex iġeddu s-soċjetà.

Biex iż-żgħażagħ jitħajjru jinvolvu ruħhom fil-politika jeħtieġ li l-partiti politiċi jkollhom strutturi u metodi inklussivi.  Mhux biss f’dak li jirrigwarda l-opportunità li wieħed jissieħeb fil-partit, iżda wkoll ir-rieda li l-partit jisma’ u jqis ideat u metodi ġodda. Il-partiti politiċi għandhom jiggarantixxu li jkunu trasparenti fl-operat tagħhom. Għandhom jagħtu spazju adegwat lill-minoranzi fi ħdan il-partit sakemm dawn jikkumplementaw il-prinċipji tal-partit. Ħafna jiddependi miż-żgħażagħ għaliex huma jridu jistinkaw sabiex jaraw li dan iseħħ.

L-MŻPN jisħaq fuq l-awtonomija tiegħu, kif ukoll fuq l-awtonomija ta' l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kollha, biex dawn isaħħu l-identità tagħhom fil-parteċipazzjoni sħiħa fil-ħajja pubblika.


Etika

Fid-diversità ta’ kull bniedem is-soċjetà għandha bħala dmir li prinċipalment tħares id-dinjità tal-persuna umana u s-supremazija tal-ġid komuni. Għalhekk, aħna l-bnedmin li nagħmlu parti minn soċjetà ċivili għandna wkoll id-dmir li nkunu suġġetti għal regoli morali oġġettivi li jmexxu l-imġieba umana.

L-etika mhijiex kelma li trid tidħol fil-vokabularju tal-politiċi biss, iżda hija l-imġieba ta’ kull bniedem li bl-attività tiegħu jikkontribwixxi b’mod onest lejn is-soċjetà.

Min-natura tiegħu il-bniedem huwa suġġett li jiżbalja fl-għemil tiegħu. Sfortunatament, il-bniedem jista’ jasal biex jiżbalja saħansitra fil-kamp politiku, billi jidħol għaliħ bi spirtu ta’ ambizzjoni u irresponsabbiltà. Quddiem din ir-realtà jeħtieġ li nsostnu l-valuri ta’ l-onestà u l-etika bħala valuri li jimxu id f’id, li jmexxuna fl-impenn tagħna u li jagħtuna viżjoni pożittiva fl-attività politika tagħna b’riżq soċjetà aktar ġusta u aktar responsabbli.

Tajjeb għalhekk li kulħadd jifhem li mġieba politika tajba twassal sabiex ikunu organizzati aħjar l-istrutturi ta’ l-Istat. Il-fiduċja taċ-ċittadin tintrebaħ biss minn politiċi li jfasslu l-attività politika tagħhom fuq motivazzjoni etika.

Il-Partiti għandhom jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex ikattru fost il-membri tagħhom il-valuri tal-moralità u ta’ l-integrità. Dawn il-valuri ma jiġux mgħallma iżda jistgħu jitkattru permezz ta’ attivitajiet li jrawwmu s-sensibbiltà tal-bnedmin għall-bżonnijiet tas-soċjetà. Il-Partiti għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-persuni li jiġu appoġġjati minnhom fil-politika huma nies integri.

Min-naħa l-oħra, kull min huwa nvolut fil-proċess politiku jrid jerfa’ r-responsabbilità u jwieġeb għal għemilu. Il-finanzjament, kemm tal-partiti kif ukoll tal-kandidati, għandu jiġi rregolat b’mod prattiku u trasparenti.

Il-partiti wkoll iridu jkomplu jagħrfu jaqdu r-rwol fundamentali tagħhom fid-demokrazija, fuq kollox bħala intermedjarji politiċi bejn l-Istat u ċ-cittadin bil-għan li jġibu flimkien il-forzi soċjali kollha fl-impenn għat-tkattir tal-ġid komuni. F’dan il-kuntest, il-partiti għandhom jagħrfu jillimitaw l-attività tagħhom fl-oqsma ta’ l-amministrazzjoni u l-informazzjoni.

Il-libertà ta’ l-espressjoni hija waħda mill-kolonni li fuqhom tissejjes socjetà demokratika. Il-media għandha dejjem tippreżenta l-fatti b’mod mill-aktar oġġettiv u billi tirrispetta d-dinjità u d-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd, b’mod partikolari d-dritt tal-privatezza. 

Għandhom jibqgħu jissaħħu l-istrutturi kontra l-korruzzjoni kif ukoll jiġu stabbiliti kodiċi ta’ l-etika fl-oqsma kollha tax-xogħol, kemm pubbliċi kif ukoll privati. L-Istat għandu jkun iebes ma’ dawk li jabbużaw mill-pożizzjoni ta’ fiduċja li tkun ġiet fdata lilhom. Għandu wkoll jibqa’ jiġi mħeġġeġ u tingħata aktar importanza lir-rwol ta’ l-Ombudsman fil-ħarsien taċ-ċittadin minn xi malpractice.


Il-Familja

Il-familja hi ċ-ċellula l-aktar bażika u l-aktar importanti f’kull soċjetà. L-Istat għandu jagħraf li l-egħżeż ħaġa għall-bniedem hi li jkun jista’ jitrabba u jgħix f’familja li tgħin lill-individwi jgħixu f’ambjent ta’ mħabba, tolleranza u solidarjetà.

Il-familja hi l-ewwel post fejn jiġu mgħoddija l-valuri lill-generazzjonijiet il-ġodda, u fejn jiġu mħarsa dawk il-membri li jkollhom bżonn l-aktar għajnuna.

L-MŻPN jisħaq li s-soċjetà għandha tipproteġi u tissalvagwardja t-tfal u tagħtihom id-dinjità li tixirqilhom. It-tfal għandhom dritt jgħixu f’ambjent li jħaddan il-valuri u għandhom jingħataw dik il-edukazzjoni li tagħtihom l-opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Bħala l-bażi ta’ kull soċjetà, kull familja għandha kontribut x’tagħti. Għalhekk l-Istat għandu jissalvagwardja lill-familja biex din taqdi dan ir-irwol. Dan jgħodd ukoll għal dawk il-familji li mhumiex mibnija bil-mod tradizzjonali. Familji b’ġenitur wieħed għandhom jiġu megħjuna.

Għandu jkun possibbli li l-familji jsibu min jgħinhom jegħlbu d-diffikultajiet qabel ma jaslu f’sitwazzjoni ta’ kriżi li tkun irrimedjabbli. Fl-isfond tan-numru dejjem jikber ta’ żwiġijiet imfarrka, is-soċjetà għandha tkattar sens ta’ responsabbilità fi ħdan dawk li jersqu għaż-żwieġ. L-Istat għandu jkollu strutturi effiċjenti biex il-proċeduri li jirrigwardaw il-familja jkunu ta’ l-anqas ħsara għal dawk involuti, partikolarment it-tfal.

In-natura tar-rabta u l-permanenza taż-żwieġ għandhom jiġu enfasizzati, u għandu jingħata rispett xieraq soċjalment u ekonomikament lil din l-istituzzjoni soċjali. Fl-istess ħin l-MŻPN jagħraf li hemm opinjonijiet differenti dwar dan u jħeġġeġ li jkun hemm diskussjoni dwar realtajiet differenti.

L-MŻPN iqis li jeħtieġ li l-faċilitajiet li għandha koppja li taħdem biex tkun tista’ trabbi lil uliedha bl-aħjar mod ikomplu jissaħħu. Strutturi bħal faċilitajiet għall-kura tat-tfal, flessibilità fil-hinijiet tax-xoghol u sistemi bħal job-sharing għandhom jiġu nkoraġġiti. L-istess jgħodd għal dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-familji jagħżlu li jieħdu ħsieb l-anzjani u l-persuni bi bżonnijiet speċjali fid-dar.


 
Edukazzjoni
Kull persuna ghandha d-dritt għal edukazzjoni xierqa f’kull livell u s-socjetà għandha tara li jkun hemm l-istrutturi adegwati biex jintlaħaq dan l-għan.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwalità tat-tagħlim u l-faċilitajiet fl-istituzzjonijiet edukattivi. L-Istat għandu wkoll jgħin u joffri taħriġ għal dawk li jridu jintegraw rwieħhom mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol. L-edukazzjoni għandha tgħin lill-individwu jiżviluppa l-kapaċitajiet personali tiegħu kemm f’dak li hu akkademiku kif ukoll f’dawk l-oqsma oħra bħall-isport u l-arti. Għalhekk, attivitajiet ko-kurrikulari għandhom jiġu mħeġġa tul il-ħajja studenteska kollha.

Irridu nagħrfu nużaw bl-aħjar mod opportunitajiet internazzjonali għall-istudenti fil-livelli kollha. Dan jista’ jsir billi nipparteċipaw fil-programmi edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropea, kif ukoll fi programmi edukattivi internazzjonali oħra. Il-kunċett ta’ ‘distance learning’ għandu jingħata aktar importanza u jiġi mħeġġeġ. Dan joffri lill-istudent għarfien u perspettiva aktar wiesgħa ta’ sistemi edukattivi internazzjonali.  Għandu jkun hemm preparazzjoni siewja biex kull persuna ssib il-post li jixirqilha fid-dinja tax-xogħol. Fejn hu meħtieg u possibbli, il-ħaddiema għandhom jingħataw l-opportunità li jiksbu esperjenzi ta’ xogħol jew taħriġ f’pajjizi oħra sabiex l-industrija u l-ekonomija tagħna jibqgħu aġġornati mall-pass imgħaġġel taż-żminijiet.

L-Istat għandu jippromwovi t-Tagħlim tul il-Ħajja (Lifelong Learning) li jimmira lejn l-inklużjoni soċjali.

L-MŻPN jemmen li l-edukazzjoni għandha tkun ħielsa kemm jista’ jkun mill-indħil politiku u sabiex dan iseħħ l-akkademiċi għandhom jitħallew ħielsa fl-għażliet tagħhom u għandhom ukoll iħarsu l-awtonomija u l-integrità tagħhom.

 
Ekonomija u Xogħol
Nemmnu illi ekonomija b’saħħitha hi l-bażi ta’ nazzjon li jkun kapaċi joffri opportunitajiet akbar għall-iżvilupp sħiħ tal-persuna. Jekk irridu naraw ekonomija b’saħħitha għandna naraw li s-suq ikun ħieles kemm jista’ jkun.

Mill-banda l-oħra m’għandniex nippretendu li tiżviluppa sitwazzjoni fejn min hu b’saħħtu jagħmel li jrid mingħajr ma jagħmel ċerti  konsiderazzjonijiet. Fid-dawl ta’ dan inqisu importanti ferm it-tibdiliet kemm fil-liġijiet kif ukoll fil-mentalità bħala frott tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

Fuq livell individwali, id-distribuzzjoni ġusta tal-ġid tissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Fl-istess ħin titfa’ r-responsabbiltà fuq kulħadd biex wieħed itejjeb il-qagħda tiegħu u tal-familja tiegħu. L-Istat għandu jara li kull ċittadin ikun kapaċi jilħaq livell ta’ għixien xieraq. Fl-istess waqt għandna naraw li l-ambjent ma jkunx affetwat negattivament bl-iskuża ta’ l-iżvilupp ekonomiku. Aħna naraw l-ekonomija tas-suq ekosoċjali bħala mudell prattikabbli għal ekonomija moderna.

L-intervent ta’ l-Istat għandu dejjem jibqa’ wieħed kawt u limitat. L-Istat m’għandux jikkontrolla iżda għandu biss jirregola. Min jinvesti għandu jħossu li qed jagħmel dan fiż-żgur u m’għandux jibża’ mill-possibilità li l-Istat jisfratta n-nisġa ekonomika.

L-MŻPN jemmen li l-investiment privat għandu dejjem jitkattar u li s-suq ikun liberalizzat. Il-libertà tas-suq għandha tara l-limiti tal-kompetizzjoni, etika u rispett tal-konsumatur bħala bżonn u garanzija ta’ żvilupp kontinwu. 

Inqisu li fid-dinja tal-lum l-ebda ekonomija m’għandha tippretendi li tkun indipendenti imma trid tagħraf li għandha bżonn taħdem f’xibka globali.

Nemmnu li ekonomija b’saħħitha biss tista’ tiggarantixxi x-xogħol. F’dan il-kuntest inqisu l-importanza tal-korpi kostitwiti, b’mod partikolari tat-trade unions u ta’ l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ, ta’ l-industrija u ta’ min iħaddem.

Jeħtieġ li kull waħda minn dawn il-partijiet soċjali tilħaq livelli għoljin ta’ serjetà. Dan iwassal biex il-proċess ta’ tfassil ta’ politika ekonomika ta’ pajjiżna jkun dejjem aktar deċentralizzat u miftuħ.  

Kulħadd għandu jifhem ir-responsabbiltà li għandu. L-MŻPN jisħaq li l-korpi kostitwiti għandhom ikunu mogħnija bi drittijiet espressi mil-liġi. Madanakollu, l-Istat għandu jiżgura li ħadd ma jaġixxi barra mil-limiti tad-drittijiet tiegħu. Huwa biss bi sħab soċjali ffurmati sew li tista’ ssir qabża fil-kwalità kemm ta’ l-ekonomija kif ukoll fil-livell ta’ l-għixien tagħna lkoll.


Bijoetika
Filwaqt li l-iżvilupp fil-kamp tat-teknoloġija bijomedika għandu jiġi mħeġġeġ, nirrikonoxxu li dan l-iżvilupp jista’ joħloq problemi ta’ natura etika u morali. Għandu jinħoloq djalogu kontinwu fuq il-problemi li jġib miegħu dan l-iżvilupp teknoloġiku. Għal din ir-raġuni, l-MŻPN jagħraf l-importanza tal-bioetika fis-soċjetà ta’ llum.

L-MŻPN jisħaq li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem huma universali u m’għandhom qatt jitwarrbu. Id-dritt fundamentali għall-ħajja kif ukoll dak tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, mill-mument ta’ konċepiment sat-tmiem naturali tagħha, għandhom jiġu mħarsa dejjem. Huwa f’dan id-dawl li wieħed għandu jħares lejn ir-riċerka medika, it-teknoloġija riproduttiva, il-cloning, ir-riċerka ta’ ċelloli staminali, it-trapjanti ta’ l-organi, id-drittijiet tal-pazjent u l-kura fit-tmiem tal-ħajja, fost affarijiet oħra.

L-MŻPN jenfasizza li prinċipji etiċi sodi għandhom iservu ta’ gwida għal dawk kollha involuti fil-kamp bijomediku u jħeġġeġ djalogu kontinwu fuq id-diversi problemi etiċi li jitqanqlu f’dan il-qasam. Dan id-djalogu għandu jsir fuq livell akkademiku, politiko-legali u soċjali. Madankollu, l-impenn tal-politiċi f’dan il-qasam m’għandux ikun limitat biss għad-djalogu. Għandu jsir sforz kostanti biex jiġu milqugħa l-ogħla livelli possibbli f’dak li huma qafas legali u strutturi akkademiċi. B’hekk il-bijoetika mhux biss ikollha impatt pożittiv fuq is-soċjetà Maltija iżda Malta tkun tista’ tipparteċipa u tikkontribwixxi fil-kamp tal-bijoetika fuq livell internazzjonali.
 

Rispett għad-diversità
Aħna nemmnu fid-dinjità ta’ kull persuna. Irridu naħdmu sabiex ikollna socjetà dejjem aktar inklussiva fejn id-differenzi ikunu mill-anqas u fejn kull persuna tħoss li qed tagħti sehemha.

Madankollu, l-ebda persuna ma tista’ tilħaq il-milja tagħha sakemm ma tingħatax l-opportunità li tipparteċipa f’soċjetà pluralista. Fid-dawl tal-fatt illi qegħdin ngħixu f’dinja dejjem aktar globalizzata, għandna naraw illi titrawwem kultura ta’ konvivenza fejn kulturi u soċjetajiet etniċi b’fehmiet differenti jirnexxielhom jaqsmu l-istess villaġġ globali.

L-MŻPN ma jista’ qatt jaċċetta xi tip ta’ diskriminazzjoni jew intolleranza. Huwa jemmen ukoll li kull moviment b’ispirazzjoni Kristjana għandu jsaħħaħ dawn is-sentimenti ta’ solidarjetà fil-membri tiegħu stess.  Għandu wkoll jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ moviment qawwi favur it-tolleranza bejn il-popli, speċjalment biex jgħin ħalli tingħeleb il-mewġa ta’ nazzjonaliżmu estrem u xenofobija li qegħda tinfirex madwar l-Ewropa.

Sabiex nibnu soċjetà aktar magħquda u inklussiva jeħtieg li nsaħħu d-djalogu. Dan jgħodd kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell globali.



Ambjent
Nemmnu li r-rispett għad-dinjità tal-bniedem jinkludi wkoll rispett għall-ambjent li l-bniedem jgħix u jgħammar fiħ u li jiddependi minnu f’kull ma jagħmel.

Nemmnu għalhekk li għandna ngħożżu d-dinjità mhux biss tal-ġenerazzjoni tagħna iżda wkoll tal-ġenerazzjonijiet futuri sabiex dawn ikunu jistgħu jgħixu f’ambjent li fih ikunu jistgħu jilħqu l-milja tagħhom.

Konxji wkoll li kull persuna għandha terfa’ r-responsabbiltà għat-titjib ta’ l-istat ta’ l-ambjent u li jeħtieg l-isforz ta’ kulħadd sabiex jintlaħaq dan il-għan. Madankollu nqisu li l-Istat  għandu d-dmir li jara li jinżammu l-livelli meħtieġa għal dan il-għan.

Nemmnu li l-protezzjoni ta’ l-ambjent ma tistax issir biss fuq livell lokali iżda għandha tinkludi sforzi internazzjonali. Għaldaqstant nemmnu li lkoll għandna naħdmu sabiex kemm jista’ jkun ma nħallux l-attivitajiet tagħna jagħmlu ħsara lill-ambjent u sabiex l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna jkun wieħed sostenibbli. Għandna naħdmu wkoll biex, kemm jista’ jkun, intejbu l-istat ta’ l-ambjent u nsewwu l-ħsara li saret.

Jidhrilna li sabiex l-attivitajiet tagħna jkunu sostenibbli għandna nżommu bħala gwida dejjiema l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Għandna nassiguraw li fil-produzzjoni ta’ l-enerġija nnaqqsu l-użu ta’ ċerti riżorsi u nissostitwuhom b’oħrajn li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, bħalma huma l-enerġija mix-xemx u l-enerġija ġġenerata permezz tar-riħ. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iskart għandna dejjem naraw kif nistgħu nagħmlu biex innaqqsuh, nerġgħu nużaw il-prodotti u li nirriċiklaw dak li ma jistax jerga’ jintuża.

Nemmnu wkoll li l-bniedem għandu jirrispetta l-ambjent naturali u jissalvagwardja l-bijo-diversità. Dan kemm għall-ġid intrinsiku tiegħu, kif ukoll għal skopijiet xjentifiċi. 

Nemmnu wkoll li kull persuna għandha d-dritt li tiġi informata dwar l-istat ta’ l-ambjent tagħha u dwar x’tista’ tagħmel sabiex ittejbu. Għaldaqstant nemmnu li l-kurrikulu ta’ l-iskejjel għandu jitfassal b’tali mod li jipprovdi għal edukazzjoni ambjentali xierqa. Din l-edukazzjoni għandha tissarraf fl-iżvilupp ta’ soċjetà infurmata u ppreparata sabiex tidħol għal deċizjonijiet li jistgħu jolqtu l-ambjent u l-politika ambjentali.



Soċjetà tal-informatika

Minħabba s-sisien stess tagħha l-informatika għandha l-potenzjal li tegħleb l-ostakoli tradizzjonali bħalma huma dawk ġeo-politiċi jew razzjali. Bl-interazzjoni kontinwa ma’ sferi oħra tal-ħajja, bħalma huma dawk tax-xogħol, il-kura medika, it-telekommunikazzjoni u oħrajn, it-teknoloġija qed toħloq għaqda akbar bejn il-popli.

Għalhekk nemmnu li l-opportunità għal aċċess għat-teknoloġija trid tkun assigurata sabiex kulħadd jipparteċipa fis-soċjetà ta’ l-informatika globali. Dan l-aċċess irid ikun żgurat b’impenn kontinwu u kollettiv mill-isħab soċjali kollha.

Nagħrfu li l-informatika hi pedina importanti fl-iżvilupp ta’ ekonomija globali msejsa fuq l-informazzjoni u għalhekk tilgħab parti kruċjali fit-tkattir ta’ żvilupp sostenibbli aktar mgħaġġel. Filwaqt illi nagħrfu din ir-realtà, nagħrfu wkoll li l-informatika tista’ tkabbar id-differenzi bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw.  Nagħrfu wkoll li fuq livell lokali l-informatika tista’ tkabbar id-differenzi bejn min ma jafx juża l-istess teknoloġija u min jaf jużaha. Wieħed irid jiżgura illi l-użu u l-beneffiċji ta’ l-informatika jiġu estiżi biex jilħqu lil kull membru tas-soċjetà.

Nemmnu illi b’impenn serju fuq livell reġjonali kif ukoll dak internazzjonali, il-firda diġitali tista’ tinbidel f’opportunità kbira fejn l-informatika titpoġġa għas-servizz tas-soċjetà kollha. F’dan il-kuntest nagħrfu l-bżonn li nindrizzaw numru ta’ ostakoli f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw bħalma huma n-nuqqas ta’ infrastruttura xierqa, ta’ l-edukazzjoni, ta’ l-investiment u tal-konnettività.

It-teknoloġija ta’ l-informatika toffri opportunitajiet kbar fl-oqsma ta’ (a) kura medika permezz ta’ żviluppi mgħaġġla fil-qasam tan-nanoteknoloġija; (b) fil-qasam ta’ l-edukazzjoni permezz ta’ opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja (life long learning), u (ċ) fl-ambitu Governattiv permezz ta’ programmi mfassla għall-servizzi elettroniċi tal-Gvern.

Nemmnu illi r-riċerka fil-qasam ta’ l-informatika trid tkun waħda kontinwa u b’ għanijiet multi-dixxiplinarji. Permezz ta’ kooperazjoni internazzjonali, mudelli li rnexxew f’pajjiżi partikolari jistgħu jiġu applikati f’pajjiżi oħra. Barra minn dan, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija kruċjali sabiex ir-riċerka u l-użu tat-teknoloġija twassal għal żvilupp aktar mgħaġġel u l-ħolqien ta’ soċjetà inklussiva.

Fl-isfond ta’ dan kollu nemmnu li s-sigurtà u l-protezzjoni tad-data  dwar kull persuna trid tkun rispettata permezz tal-ħolqien ta’ strutturi adegwati f’kull livell ta’ l-ipproċessar. Attenzjoni partikolari għandha tingħata għal data sensittiva bħal ma hija dik li tagħti informazzjoni dwar l-istat mediku, psikoloġiku jew politiku ta’ l-individwu. L-istess priorità għandha tingħata lir-reati relatati ma’ l-abbuż ta’ l-informatika.


Id-dimensjoni internazzjonali  
Il-mezzi tax-xandir, il-kumpaniji multinazzjonali, il-kummerċ globali, il-mezzi tat-telekommunikazzjoni u t-teknoloġija lkoll xejjnu d-distanzi fid-dinja u jikkontribwixxu sabiex id-dinja ta’ llum issir waħda aktar interdipendenti. Dan iġib miegħu mhux biss progress fil-kwalità tal-ħajja tal-bniedem iżda anke sfidi għal dawk li ma jlaħħqux mal-pass ta’ dan l-iżvilupp. Minħabba f’hekk, l-atturi fir-relazzjonijiet internazzjonali jinkludu wkoll il-kumpaniji multinazzjonali u l-għaqdiet internazzjonali mhux governattivi. Nemmnu li fuq livell internazzjonali l-Istati għadhom u għandhom jibqgħu l-atturi ewlenin u sabiex isaħħu il-vuċi tagħhom hemm bżonn ta’ aktar użu ta’ fora multilaterali fejn l-Istati jaslu għal deċizjonijiet u soluzzjonijiet xierqa għad-dinja ta’ llum. Għal dan il-għan hemm bżonn ta’ riforma fl-istrutturi tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex din tkun tabilħaqq qed tirraprreżenta l-aspirazzjonijiet tal-ġnus kollha.  Nisħqu li hemm bżonn ta’ aktar impenn mis-soċjetà internazzjonali għal aktar koperazzjoni fid-dawl ta’ l-immigrazzjoni illegali, il-faqar, il-fundamentaliżmu, il-gwerer, is-saħħa, u l-kriminalità organizzata. Għandna niftakru fuq kollox, li jrid jitrażżan il- kriminalità organizzata, u fuq kollox it-terroriżmu.

Minkejja li Malta hija pajjiż ta’ daqs żgħir iżda b’identità u storja kbira, id-dimensjoni internazzjonali li tixtieq twassal tista’ xorta waħda tkun rilevanti għal żviluppi fis-socjetà internazzjonali. Il-politika barranija tagħna tista’ titwassal aħjar jekk issir fil-kuntest ta’ fora multilaterali. Din il-politika barranija tagħna fi ħdan dawn il-fora internazzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-identità Ewro-Mediterranja tagħna. Bħalma kien il-każ meta pajjiżna ressaq il-proposta għall-kunċett ta’ Wirt Komuni ta’ l-Umanità, nistgħu illum noħorġu b’soluzzjonijiet u inizjattivi ta’ ġid għall-ġnus kollha. Jekk dawn il-proposti jsiru realtà għandna wkoll noffru s-servizzi tagħna sabiex strutturi li jitwaqqfu għall-ħarsien ta’ dawn il-proposti jkunu bbażati f’Malta. 

Malta gawdiet bil-bosta mill-istima li wrew lejha pajjiżi oħra bil-mod kif bir-reqqa evolviet u użat in-newtralità tagħha għall-benefiċċju mhux tagħha biss, iżda anke tal-pajjiżi ġirien tagħha. Madankollu x-xenarju politiku dinji wara t-tmiem tal-gwerra l-bierda u t-tisħieħ tal-globalizzazzjoni jitlob lil Malta sabiex tevalwa l-istat tan-newtralità tagħha minn wieħed marbut fl-istorja għal wieħed li jħares lejn il-ġejjieni ta’ l-iżviluppi politiċi internazzjonali. Nemmnu li Malta tista’ toffri s-servizzi tagħha ta’ ‘good offices’ għal medjazzjoni bejn stati u ġnus li jinsabu f’kunflitt.
 

 
Id-Dimensjoni Ewropea
L-Unjoni Ewropea hi l-akbar u l-aktar fenomenu importanti ta’ organizzazzjoni politika li ħareġ mill-Ewropa. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha tingħata importanza ewlenija fil-ħsieb tagħna, li iżjed ma jgħaddi żmien, iżjed qed ikollha kompetenzi, dmirijiet u jeddijiet kif ukoll pajjiżi msieħba.

Nemmnu li din ix-xejra ta’ integrazzjoni Ewropea għandha tissawwar bil-bażi legali li qed tinbena, fejn illum nirrikonoxxu illi l-identità li tistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa beda il-ħajja tiegħu ma’ l-iżvilupp tal-ġnus Ewropej tul iż-żminijiet, sew qabel ma ġew fis-seħħ l-ewwel Komunitajiet Politiċi Ewropej. Fuq dan il-ħsieb, l-MŻPN jirrikonoxxi il-kontribut li taw il- valuri Nsara lejn is-soċjetà Ewropea, li fuqhom hija mibnija.

Iż-żieda fl-integrazzjoni Ewropea qed tilqa’ fi ħdanha sfidi ewlenin fosthom:
  • Politika Barranija Komuni.
  • Difiża aktar effiċjenti li tagħmel użu minn anqas riżorsi u li tkun kapaċi tintervjeni fejn hemm bżonn fl-anqas żmien possibli.
  • Il-ħarsien u t-titjib tal-libertajiet u l-jeddijiet taċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll l-intervent favur popli barra mill-Ewropa li jeħtiegu ħajja aħjar.
  • L-iżvilupp ekonomiku f’kull reġjun ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex it-tkattir tal-ġid jinfirex ma’ kullimkien u tissaħħaħ l-integrazzjoni partikolarment fl-isfond ta’ Stati Membri ġodda.
  • Il-ħtieġa ta’ investiment fir-riċerka u l-iżvilupp li għandu jtejjeb il-kompetitività ta’ l-Unjoni Ewropea sabiex issir l-aktar entità kompetittiva fis-suq dinji. Dan kif mitlub mill-Aġenda ta’ Liżbona (2000).

Aħna ngħarfu li l-Unjoni Ewropea ġiet maħluqa sabiex jingħelbu dawk l-ineffiċjenzi li jinħolqu fi Stat modern meta permezz ta’ ċentralizazzjoni tal-poter, ikun hemm ħela ta’ riżorsi, burokraziji u nuqqas ta’ min jagħti kont ta’ egħmilu fir-reponsabbilità politika. Ewropa li torganizza ruħha politikament tara li l-vantaġġi tas-Suq Ekonomiku-Socjali jiġu miżjuda permezz tat-tneħħija ta’ barrieri li jxekklu l-kummerċ, il-kompetizzjoni, l-edukazzjoni u l-mobilità. Permezz tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-sovranità ta’ kull Stat Membru tinqasam dejjem aktar bejn setturi differenti fid-deċizjoni politika, lejn dawk l-awtoritajiet li huma iżjed viċini u kompetenti għad-deċizjoni li trid tittieħed.

Nemmnu li l-Unjoni Ewropea għandha twessgħa l-orizzonti tagħha lejn il-ġirien tagħha. Jeżistu tipi differenti ta’ ġirien li magħhom għandhom jibdew jitfasslu relazzjonijiet partikolari fosthom:

§      Dawk il-pajjiżi li għandhom arranġamenti kummerċjali ma’ l-Unjoni Ewropea fosthom dawk il-pajjiżi li nsibu fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u ż-Żona Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (ŻEKĦ).

§      Dawk il-pajjiżi li għalkemm Ewropej, ma jissoddisfawx ir-rekwiżiti sabiex jissieħbu fl-Unjoni Ewropea iżda li jistgħu jissieħbu fil-ġejjieni.

§      Dawk il-pajjiżi li għandhom jew jista’ jkollhom kandidaturi ta’ natura kontroversjali għad-dħul tagħhom fl-Unjoni Ewropea bħal ngħidu aħna t-Turkija.

§      Ir-reġjun tal-Mediterran fejn jidħlu dawk il-pajjiżi li ma jistgħux isiru Membri tal-Unjoni Ewropea.


Madankollu, l-Ewropa mhijiex biss Unjoni Ewropea u b’hekk, id-dimensjoni Ewropea tagħna hi aktar wiesgħa.
Nemmnu li teżisti dik li tissejjaħ identità Ewropea li tiddistingwiha minn oħrajn. L-importanza ta’ organizazzjonijiet politiċi oħra Ewropej, fosthom il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-Organizazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa jagħtu stampa iżjed mifruxa ta’ Ewropa bi prinċipji favur id-demokrazija, il-ħidma għall-paċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Dawn huma prinċipji li huma parti ewlenija mis-sisien ta’ l-identità komuni tagħna.
 

Soċjetà Ċivili

Nemmnu li s-Soċjetà Ċivili għandha jkollha sehem xieraq f’soċjetà demokratika.  Permezz tagħha jitlaqqgħu flimkien l-interessi ta’ setturi differenti tas-soċjetà bl-għan li titfassal viżjoni għall-kisba tal-ġid komuni. Biex mill-viżjoni ngħaddu għat-twettiq, nemmnu li l-Gvern għandu, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżid sehem is-Soċjeta Ċivili fit-tmexxija tal-pajjiż.

Bħala forza politika għandna naħdmu sabiex ħadd ma jiġi eskluż fil-ħidmiet tas-Soċjetà Ċivili b’mod li din tkun għal kollox rappreżentattiva tas-soċjetà tagħna.

Nagħrfu li s-Soċjetà Ċivili u l-Gvern għandhom obbligazzjonijiet in komuni sabiex tkun effettiva l-ħidma tagħhom, fosthom ir-rispett reċiproku, il-bini ta’ soċjetà tolleranti u t-trasparenza f’ħidmiethom.

B’mod partikolari iżda mhux esklussivament, il-Gvern għandu jassigura li s-Soċjetà Ċivili jkollha l-opportunità li tikseb informazzjoni dwar il-ħidma li tkun qegħda titwettaq mill-Gvern u istituzzjonijet mwaqqfa minnu u jkollha wkoll riżorsi biżżejjed biex jiġi pprovdut taħriġ għall-persuni li volontarjament jagħżlu li jagħtu sehemhom fl-organizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili.
 
 
 
Ħarsa ’il Quddiem – L-Impenn tagħna lejn il-Ġenerazzjonijiet Futuri
Kull politika u kull ġabra ta’ prinċipji huma marbuta storikament mal-passat u mal-futur. Il-politika tiddakkar mill-passat, tiġġedded u topera fil-preżent, u tħares lejn il-futur. Huwa għalhekk li l-politika tfittex li tissejjes fuq ir-rispett u li tiddakkar b’sens ta’ responsabbiltà lejn dawk ta’ qabilna kif ukoll lejn dawk li ġejjin warajna.

Marbutin ma’ ta’ qabilna mhux biss bi gratitudni iżda wkoll b’responsabbiltà li nħarsu u nipproteġu dak li għaddewlna mal-mogħdija taż-żmien, impenn li jestendi ruħu f’kull qasam tal-ħajja: il-wirt kulturali, storiku, naturali u l-valuri. Il-politika tolqot dawn l-aspetti kollha. Magħġuna ma’ dan l-impenn lejn ta’ qabilna teżisti r-responsabbilta’ li nwasslu lil ta’ warajna xi ħaġa aħjar minn dak li għandna aħna, b’mod li l-prinċipju tas-solidarjetà jestendi ruħu għal dawk li ġejjin warajna – b’responsabbiltà lejhom. Huwa b’dan is-sens kbir ta’ responsabbiltà u impenn li nikkommettu ruħna li naħdmu sabiex inħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna soċjetà aħjar minn dik li ngħixu fiha aħna, fl-oqsma kollha tagħha.

Dawn il-prinċipji qegħdin jitfasslu sabiex b’responsabbiltà u tama fil-ġejjieni nindirizzaw problemi eżistenti u fl-istess ħin insejjsu prinċipji sodi li jispiraw ħidma politika sfiqa, sabiex bil-politika jitwettqu t-tamiet.